Dwarna
Min aħna
Aħna aġenzija tal-Unjoni Ewropea li twaqqfet fl-2002 biex isservi bħala sors imparzjali ta’ pariri xjentifiċi għall-maniġers tar-riskju u biex jiġu kkomunikati r-riskji assoċjati mal-katina alimentari. Nikkooperaw mal-partijiet interessati biex nippromwovu l-koerenza tal-pariri xjentifiċi tal-UE. Nipprovdu l-bażi xjentifika għal-liġijiet u r-regolamenti li jipproteġu lill-konsumaturi Ewropej minn riskji relatati mal-ikel – mill-għalqa sal-platt.
Kif naħdmu
L-attivitajiet tagħna essenzjalment jikkonsistu fil-ġbir, il-valutazzjoni u l-integrazzjoni ta’ evidenza xjentifika biex inwieġbu mistoqsijiet dwar ir-riskji. L-eżitu ta’ xogħolna huwa li nagħtu pariri xjentifiċi lill-maniġers tar-riskju, imfassla b’mod konġunt minn esperti indipendenti u mill-persunal tal-EFSA. Kull ħaġa li nagħmlu hija ggwidata mill-valuri tagħna tal-Eċċellenza, l-Indipendenza, il-Ftuħ, l-Obbligu ta’ Rendikont u l-Kooperazzjoni. It-trasparenza tal-proċessi tagħna, flimkien mal-attivitajiet ta’ interazzjoni tagħna, tippermetti lill-partijiet interessati jiflu l-ħidma tagħna u jinteraġixxu magħna fi djalogu miftuħ fuq termini ugwali. Nikkomunikaw dwar ir-riskji fil-katina alimentari b’mod indipendenti u li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-udjenzi tagħna. Flimkien mal-Istati Membri sħab tagħna, nibnu l-ekosistema Ewropea tal-għarfien dwar is-sikurezza alimentari, filwaqt li niżguraw li jkun hemm ikel sikur bħala l-bażi għal dieti tajbin għas-saħħa u sistemi tal-ikel sostenibbli.
Ma’ min naħdmu
L-esperti individwali u l-organizzazzjonijiet kompetenti huma s-sħab tal-għarfien ewlenin tagħna. Biex inrawmu dawn ir-relazzjonijiet, aħna nikkooperaw ħafna mal-organizzazzjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju tal-Istati Membri permezz tal-Forum ta’ Konsulenza, il-Punti Fokali Nazzjonali u n-Networks Xjentifiċi tagħna. Bl-istess mod, naħdmu ma’ aġenziji oħra tal-UE, organizzazzjonijiet internazzjonali u assessuri tar-riskju f’pajjiżi terzi biex inżidu l-ammont ta’ nies li nilħqu u l-impatt konġunt tagħna fuq is-sikurezza alimentari. Iċ-ċittadini tal-UE huma l-benefiċjarji aħħarin tal-ħidma tagħna: aħna ninteraġixxu magħhom u mal-partijiet ikkonċernati permezz ta’ għadd kbir ta’ pjattaformi u fora.
Il-biċċa l-kbira tal-ħidma tal-EFSA titwettaq b’reazzjoni għal talbiet għal parir xjentifiku mill-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri tal-UE.
Inwettqu wkoll ħidma xjentifika fuq inizjattiva proprja, b’mod partikolari biex neżaminaw kwistjonijiet emerġenti u perikli ġodda u biex naġġornaw il-metodi ta’ valutazzjoni u l-approċċi tagħna. Dan huwa magħruf bħala “self-tasking”.
- L-EFSA torganizza l-programm ta’ ħidma tagħha – annwali u pluriennali – skont il-prijoritajiet maqbula mal-Kummissjoni Ewropea u ma’ sħab oħra, filwaqt li jitqiesu r-riżorsi disponibbli.
- Nikkonsultaw lis-sħab tagħna mill-qrib biex niżguraw li l-programm tagħna jikkumplimenta lil dawk tagħhom – b’mod partikolari lill-awtoritajiet u l-aġenziji tas-sikurezza alimentari nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE – u biex nevitaw li ma jsirux xogħol u sforzi doppji jew li dawn ikunu jikkoinċidu.
- Il-pariri xjentifiċi tal-EFSA huma pprovduti prinċipalment mill-Bordijiet Xjentifiċi u l-Kumitat Xjentifiku tagħha, li l-membri tagħhom jinħatru permezz ta’ proċedura ta’ selezzjoni miftuħa.
- Il-persunal tal-EFSA wkoll jista’ jipproduċi outputs xjentifiċi f’isem l-aġenzija, bħal rieżamijiet bejn il-pari tal-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi fil-pestiċidi, jew tweġibiet għal talbiet urġenti għal parir. Il-persunal tal-EFSA barra minn hekk jimmonitorja u janalizza l-informazzjoni u d-data dwar il-perikli bijoloġiċi, il-kontaminanti kimiċi, il-konsum tal-ikel u r-riskji emerġenti.
Prinċipji u prattiki
L-EFSA taderixxi ma’ għadd ta’ prinċipji u prattiki li għandhom l-għan li jiżguraw l-eċċellenza tal-ħidma tagħna. Dawn jinkludu:
- Impenn għall-ftuħ u t-trasparenza fil-ħidma kollha tagħna.
- L-iżvilupp ta’ sett komprensiv ta’ prattiki tajba ta’ valutazzjoni tar-riskju biex jiggwida lill-esperti tagħna tal-Kumitat Xjentifiku u tal-Bordijiet Xjentifiċi.
- Sistema tal-ġestjoni tal-kwalità (QMS) li kontinwament timmonitorja u ssaħħaħ il-kwalità tal-ħidma xjentifika tal-EFSA. Din tinkludi sistemi ta’ awtoreviżjoni u feedback tal-klijenti li jiżguraw li l-proċessi xjentifiċi jiġu żviluppati b’mod konsistenti u kontinwament. Il-QMS tal-EFSA ngħatat ċertifikat skont l-ISO 9001:2015, l-istandard internazzjonali għall-ġestjoni tal-kwalità.
- Rieżamijiet u spezzjonijiet imwettqa minn awditur intern li jirrapporta lill-Kumitat tal-Awditjar tal-Bord tal-Amministrazzjoni tal-EFSA, li jagħti pariri lill-maniġment superjuri dwar titjib possibbli fil-prattiki tax-xogħol.
- Evalwazzjoni esterna: Ir-Regolament ta’ Twaqqif tal-EFSA jobbliga lill-Awtorità tikkummissjona evalwazzjonijiet esterni indipendenti tal-ħidma u l-prattiki tax-xogħol tagħha. Abbażi ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, il-Bord tal-Amministrazzjoni jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-pjanijiet u l-istrateġiji tal-amministrazzjoni futuri tal-EFSA. It-tielet u l-aktar evalwazzjoni reċenti tlestiet fl-2018 u kopriet il-perjodu mill-2011 sal-2016.
- Sistema ta’ ġestjoni tas-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent (HSE) li għandha l-għan li ttejjeb kontinwament il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tiżgura negozju sostenibbli. Awditi regolari minn partijiet terzi jiċċertifikaw li s-sistema hija allinjata bis-sħiħ mal-istandards u r-regolamenti rilevanti fil-qasam (jiġifieri BS-OHSAS 18001:2007, ISO 14001:2015 u r-Regolament EMAS).
Barra minn hekk, l-Awtorità hija legalment marbuta bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar kwistjonijiet bħall-aċċess pubbliku għad-dokumenti.